L-Att dwar Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta (Kap. 515)

Biex jistabbilixxi l-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, li jkollu l-funzjoni li jħares u jippromwovi d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jkunu jgħixu barra minn Malta, u biex jipprovdi għal ħwejjeġ konnessi ma’ jew inċidentali għal dan.

22 ta’ Lulju, 2012 (ara l-artikolu 1(2) ta’ dan l-Att, kif promulgat oriġinarjament, u l-Avviż Legali 237 tal-2012).

L-ATT XX tal-2011.

1. Titolu fil-qosor.

It-titolu fil-qosor ta’ dan l-Att hu l-Att dwar Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta.

2. Tifsir.

F’dan l-Att, sakemm ir-rabta tal-kliem ma tkunx teħtieġ xort’oħra –

“il-Kostituzzjoni” tfisser il-Kostituzzjoni ta’ Malta;

“il-Kunsill” tfisser il-Kunsill imwaqqaf bl-artikolu 3;

“Maltin li jgħixu barra minn Malta” tfisser kull persuna ta’ nazzjonalità Maltija li tkun tgħix barra minn Malta u li kienet hekk tgħix għal perjodu ta’ mill-inqas tnax-il xahar;

“membru li jgħix barra minn Malta” tfisser membru tal-Kunsill li jkun jgħix barra minn Malta;

“il-Ministru” tfisser il-Ministru responsabbli għall-affarijiet barranin;

“is-servizz pubbliku” għandu jkollha l-istess tifsira kif mogħti lilha bl-artikolu 124 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta;

“Reġistru” tfisser ir-Reġistri msemmija fl-artikolu 10.

3. Twaqqif tal-Kunsill.

(1)     Qiegħed b’dan jiġi stabbilit Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, hawn aktar ’il quddiem imsejjaħ “il-Kunsill”.

(2)     Il-Kunsill għandu jkun il-korp li jirrappreżenta komunitajiet Maltin barra minn Malta quddiem l-entitajiet kollha tal-gvern ta’ Malta inkluż is-servizz pubbliku u kull awtorità pubblika, istituzzjoni jew organizzazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ policies li jolqtu dawn il-komunitajiet.

(3)     Il-funzjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)     li jissorvelja l-kwalità tal-ħajja ta’ komunitajiet Maltin u tal-membri individwali tagħhom li jkunu jgħixu barra minn Malta;

(b)     li jsaħħaħ, jiffaċilita u jikkoltiva r-rabtiet bejn il-komunitajiet Maltin barra minn Malta u l-ħajja politika, kulturali, ekonomika u soċjali ta’ Malta;

(ċ)     li jiżgura l-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-komunitajiet Maltin u tal-membri individwali tagħhom li jkunu jgħixu barra minn Malta;

(d)     li jiffaċilita ż-żamma tal-identità kulturali u lingwistika tal-komunitajiet Maltin barra minn Malta u jippromwovi l-kultura Maltija barra minn Malta, b’mod partikolari t-tagħlim tal-lingwa Maltija;

(e)     li jippromwovi l-istorja ta’ migrazzjoni f’Malta f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet governattivi;

(f)     li jżomm rabtiet ma’ dawk l-organizzazzjonijiet kollha stabbiliti minn Maltin li jkunu jgħixu barra u jżomm reġistru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi stabbiliti barra minn Malta;

(g)     li janalizza u jivverifika l-problemi li jiltaqgħu magħhom il-komunitajiet Maltin barra minn Malta, li jkun jinkludi taħriġ u żvilupp professjonali u edukattiv, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet miksubin f’Malta;

(h)     li jħejji kull proposta, jew jagħmel kull suġġeriment jew rakkomandazzjoni dwar miżuri leġislattivi jew amministrattivi kif ukoll kull ftehim internazzjonali u regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jolqtu d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jkunu jgħixu barra minn Malta;

(i)     li jiżgura li l-Maltin li jkunu jgħixu barra minn Malta ma jkunux esklużi minn xi benefiċċji li kieku kien ikollhom dritt għalihom li jkunu joriġinaw mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

(j)     li jippromwovi u jinkoraġġixxi studji u riċerka dwar suġġetti li jkunu jirrigwardaw komunitajiet Maltin u persuni ta’ dixxendenza Maltija madwar id-dinja; u

(k)     li jiġi konsultat, u jagħti l-kontribut tiegħu, fit-tħejjija tal-liġijiet jew miżuri amministrattivi ta’ Malta li jolqtu l-komunitajiet Maltin barra minn Malta.

4. Dmirijiet.

Il-Kunsill għandu jkun responsabbli li jagħti pariri lill-Ministru dwar:

(a)     kull Abbozz ta’ Liġi mressaq fil-Kamra li direttament jew indirettament jolqot id-drittijiet, il-jeddijiet jew l-interessi tal-Maltin li jkunu jgħixu barra minn Malta;

(b)    kull kwistjoni ta’ stima finanzjarja jew miżura amministrattiva dwar l-interessi tal-komunitajiet Maltin barra minn Malta, inkluż li tinġieb ’il quddiem il-kultura u l-lingwa Maltija barra minn Malta sew fuq inizjattiva tal-Gvern jew ta’ xi istituzzjoni pubblika, tkun kif tkun imsejħa, li tkun qiegħda ġġib ‘il quddiem il-kultura Maltija barra minn Malta;

(ċ)    kull trasmissjoni fuq jew produzzjoni ta’ servizzi ta’ xandir pubbliku ta’ programmi mmirati għall-Maltin li jkunu jgħixu barra minn Malta; u

(d)    kull kwistjoni rilevanti oħra li l-Ministru jirreferi lill-Kunsill.

5. Għamla.

(1)     Il-Kunsill għandu jkun magħmul kif ġej:

(a)    il-Ministru responsabbli għall-affarijiet barranin li jkun ex officio iċ-Chairman tiegħu;

(b)    ħames membri li jiġu maħtura mill-Prim Ministru għall-perjodu ta’ tliet snin wara li jikkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni minn fost persuni ta’ nazzjonalità Maltija li jkunu jgħixu f’Malta jew barra minn Malta u li jkollhom għarfien u esperjenza speċjali tal-bżonnijiet u l-interessi ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta, u li kienu jgħixu jew kienu jaħdmu jew ikunu jaħdmu f’organizzazzjonijiet mhux governattivi u li l-għan prinċipali tagħhom hu li jġibu ‘l quddiem il-benesseri ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta; u

(ċ)    għaxar membri li jinħatru mill-Prim Ministru għal perjodu ta’ tliet snin minn fost persuni ta’ nazzjonalità Maltija li jkunu membri ta’ komunitajiet Maltin li jgħixu barra minn Malta (hawn iżjed ‘il quddiem imsejjħin “membri li jgħixu barra minn Malta”), u jinħatru kif hemm fl-Iskeda, li tista’ tiġi emendata jew sostitwita b’regolamenti magħmulin taħt dan l-Att.

(2)     Membri tal-Kunsill jistgħu jerġgħu jinħatru għal darb’oħra wara li jintemm l-ewwel perjodu tal-ħatra tagħhom.

(3)     Ħlief għaċ-Chairman, ħadd m’għandu jkun kwalifikat li jkollu l-kariga ta’ membru tal-Kunsill jekk ikun Ministru, Segretarju Parlamentari, membru tal-Kamra tad-Deputati jew il-Parlament Ewropew jew leġislatura nazzjonali, statali, reġjonali jew lokali, jew kandidat għall-elezzjoni f’dik il-Kamra jew membru ta’ xi awtorità tal-gvern lokali. Membru tal-Kunsill m’għandu jkollu l-ebda pożizzjoni li tkun inkompatibbli mal-eżekuzzjoni korretta tad-dmirijiet uffiċċjali tiegħu jew mal-fiduċja pubblika fih.

(4)     Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, il-kariga ta’ membru tal-Kunsill għandha ssir vakanti:

(a)     meta jgħaddu tliet snin mid-data ta’ ħatra jew ħatra mill-ġdid; jew

(b)     malli tingħata riżenja b’ittra indirizzata lill-Ministru; jew

(ċ)      jekk jinqalgħu xi ċirkostanzi li, kieku ma kienx membru tal-Kunsill, kien ikun skwalifikat milli hekk jinħatar.

(5)     Il-Kunsill jista’ jwaqqaf Kunsilli Reġjonali għal kull wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Iskeda. Dawk il-Kunsilli Reġjonali għandhom ikunu esklussivament responsabbli u marbutin li jagħtu kont lejn il-Kunsill. L-għamla tagħhom għandha tkun fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Kunsill.

6. Seduti.

(1)     Seduti tal-Kunsill jistgħu jsiru bil-mezz ta’ video u, jew audio teleconferencing u l-atti ta’ dawk is-seduti għandhom ikunu juru l-preżenza tal-membri li jgħixu barra minn Malta li jkunu qiegħdin jipparteċipaw b’dak il-mezz.

(2)     Is-seduti tal-Kunsill għandhom jitlaqqgħu miċ-Chairman b’inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta’ erba’ membri tal-Kunsill.

(3)     Il-Kunsill m’għandux jiffunzjona kemm-il darba ma jkunx hemm quorum li jkun magħmul miċ-Chairman jew mid-delegat tiegħu u mhux anqas minn tmien membri li jkunu jinkludu mill-inqas membru wieħed li jgħix barra minn Malta, iżda meta s-seduta ssir bil-mezz ta’ video u, jew audio teleconferencing, kull membru li jgħix barra minn Malta li jkun qiegħed jipparteċipa f’dik isseduta għandu jitqies li jkun preżenti f’dik is-seduta għall-finijiet kollha ta’ dan l-Att.

(4)     Mill-inqas darba fis-sena, iċ-Chairman għandu jlaqqa’ seduta tal-Kunsill f ’Malta li fiha jistieden il-membri kollha li jgħixu barra minn Malta biex jattendu u jipparteċipaw f’dik is-seduta.

(5)    Id-deċizjonijiet tal-Kunsill għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-voti tal-membri preżenti. Iċ-Chairman m’għandux ikollu vot oriġinali jew vot deċiżiv.

(6)     Post vakanti fost il-membri tal-Kunsill m’għandux jinvalida l-proċedimenti tal-Kunsill.

(7)     Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-Kunsill jista’ jirregola l-proċedura tiegħu nnifsu.

7. Rapporti.

(1)     Sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena li tiġi minnufih wara s-sena tat-twaqqif tiegħu, il-Kunsill għandu jippubblika rapport tal-attivitajiet kollha tiegħu u ta’ kull sena wara, u jibgħat kopja tar-rapport lill-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati li għandu minnufih iqiegħed dak ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra, iżda jekk ma jkunx hemm sessjoni tal-Kamra, għaldaqstant dak ir-rapport għandu jitqiegħed fuq il-Mejda fi żmien erba’ ġimgħat minn meta l-Kamra terġa’ tkun f’sessjoni.

(2)     Ir-rapport imsemmi fis-subartikolu (1) għandu, fi żmien tmien ġimgħat mid-data meta kopja ta’ dak ir-rapport titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jiġi reġistrat u diskuss mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Kamra jew minn kull kumitat ieħor li jidħol minfloku u dak il-Kumitat għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet adatti lill-Kamra fuq kull kwistjoni li toħroġ mir-rapport.

(3)     Kopja ta’ dak ir-rapport għandha tintbaghat ukoll lill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali tal-Kamra.

8. Direttorat.

(1)     Għandu jkun hemm, fi ħdan il-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Barranin jew kull Ministeru ieħor kif il-Prim Ministru jista’ jistabbilixxi, Direttorat responsabbli għal Maltin li jgħixu barra minn Malta, li l-għan tiegħu jkun li jippromwovi u jħares id-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta.

(2)     Id-Direttorat għandu jservi bħala punt ċentrali għal tagħrif, pariri u koordinazzjoni għal Maltin li jgħixu barra minn Malta u kull assoċjazzjoni li tkun qiegħda tirrappreżenta Maltin li jgħixu barra minn Malta jew organizzazzjonijiet mhux governattivi li jkunu inklużi fir-Reġistru.

(3)     Id-Direttorat ikun fid-dmir li jassikura t-twettiq ta’ dan l-Att.

9. Segretarju u persunal.

(1)     Il-Kunsill għandu jkollu Segretarju li jkun persuna maħtura mill-Ministru jew uffiċjal pubbliku nominat mill-Ministru biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ Segretarju.

(2)     Il-Kunsill għandu jkollu kull persunal ieħor li l-Ministru jista’ jqis li jkun meħtieġ u li jaħtar jew jinnomina kif hawn qabel imsemmi.

10. Reġistru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(1)     Għandu jinżamm Reġistru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi mwaqqfa barra minn Malta li jkunu involuti fil-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta kif ukoll Reġistru ta’ Maltin prominenti li jgħixu barra minn Malta li jkunu distingwew ruħhom fil-professjoni, vokazzjoni jew xogħol rispettiv tagħhom barra minn Malta.

(2)     Dawn ir-reġistri għandhom jinżammu l-Uffiċċju tal-Kunsill u għandhom ikunu r-resposabbilità tas-Segretarju.

(3)     L-inklużjoni, l-esklużjoni, u t-tneħħija ta’ organizzazzjoni jew individwu mir-Reġistri għandha tkun ir-resposabbilità unika tal-Kunsill.

11. Setgħa li jsiru regolamenti.

Il-Ministru jista’ jagħmel regolamenti biex jimplimenta u jagħti effett aħjar lid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att u jista’ jagħmel ukoll, mingħajr preġudizzju għall-ġeneralità ta’ dan l-artikolu, regolamenti:

(a)    li jirregolaw kull ħatra jew elezzjoni ta’ membri tal-Kunsill li jgħixu barra minn Malta;

(b)    li jemendaw jew jissostitwixxu għal kollox jew biss f’parti minnhom id-dispożizzjonijiet tal-Iskeda;

(ċ)    li jippreskrivu kull ħaġa li tista’ jew li għandha tiġi preskritta taħt dan l-Att;

(d)    li jipprovdu assistenza lil membri li jgħixu barra minn Malta u li jattendu seduti tal-Kunsill f’Malta għat-twaqqif ta’ skemi rilevanti;

(e)    bi ftehim mal-Ministru responsabbli għal kultura, li jwaqqfu Istitut Kulturali Malti biex tinġieb ‘il quddiem il-kultura Maltija barra minn Malta, u għal dak il-għan biex jiġu regolati l-għamla, il-funzjonijiet, l-operazzjoni u l-ħatra ta’ uffiċjali u persunal li jeżerċitaw f’dak l-Istitut:

Iżda ebda regolament magħmul taħt dan il-paragrafu ma għandu jkollu effett kemm-il darba ma jkunx irċieva minn qabel l-approvazzjoni tal-Kamra mgħarrfa b’riżoluzzjoni.

SKEDA

[Artikolu 5(1)(ċ)]

1.    Il-membri tal-Kunsill li jkunu jgħixu barra minn Malta, maħtura mill-Prim Ministru għandhom ikunu residenti ordinarji li jgħixu fl-istati jew fil-pajjiżi li ġejjin u għandhom jintgħażlu żewġ membri minn fost persuni li jgħixu f’kull wieħed minn dawn l-istati jew pajjiżi li ġejjin:

(a)    l-Istat ta’ Victoria fil-Commonwealth tal-Awstralja;

(b)    l-Istat ta’ New South Wales fil-Commonwealth tal-Awstralja;

(ċ)    l-Istati Uniti tal-Amerika.

U membru wieħed għandu jkun magħżul minn fost persuni li jgħixu f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi li ġejjin:

(a)    ir-Renju Unit;

(b)    stat ieħor mill-Commonwealth tal-Awstralja (minbarra Victoria u New South Wales);

(ċ)    il-Kanada; u

(d)   Stati Membri tal-Unjoni Ewropea ħlief Malta u r-Renju Unit.

2.    Meta jkunu qegħdin jintgħażlu membri li jgħixu barra minn Malta għall-Kunsill, għandha tingħata kull konsiderazzjoni dovuta għall-opinjonijiet, suġġerimenti, rakkomandazzjonijiet u pariri, meta jkun japplika, ta’ federazzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet Maltin, kunsilli tal-komunità Maltija u l-assoċjazzjonijiet li jkunu l-aktar rappreżentattivi tal-interessi ta’ komunitajiet tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta.

(Verżjoni PDF)

One comment on “L-Att dwar Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta (Kap. 515)

  1. Pingback: Reġistri tal-Kunsill għall-Maltin ta’ barra | Maltin fil-Belġju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s