L-Ambaxxatur Malti ġdid għall-Belġju, l-E.T. Clint Tanti, bagħat messaġġ lill-komunità Maltija fil-pajjiż:
Għeżież ħbieb membri tal-komunità Maltija fil-Belġju,
Hu ta’ pjaċir u unur għalija ninfurmakom li għadni kif bdejt inservi bħala l-Ambaxxatur innominat ta’ Malta għall-Belġju.
Peress li ħdimt u għext il-Belġju għal madwar sitt snin, ikolli ngħid li jien familjari mal-isfidi u l-opportunitajiet tal-komunità dejjem tikber tal-Maltin fil-Belġju. Madankollu, nemmen li l-aħjar ħaġa li nista’ nagħmel f’dan l-istadju bikri tal-mandat tiegħi hi li nisma’ l-ideat u l-aspettattivi tagħkom. Ħa nkun qed nagħmel ħilti biex niltaqa’ magħkom kemm jista’ jkun fil-ġimgħat li ġejjin, iżda nħeġġiġkom taqsmu magħna suġġerimenti u inizjattivi biex jissaħħaħ is-sens ta’ komunità bejn il-Maltin fil-Belġju u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li l-komunità qed tiffaċja bħalissa. Nistidinkom li żżommu kuntatt regolari mal-Ambaxxata bħala r-rappreżentanza tagħkom fil-Belġju.
Flimkien mal-kollegi ħa nkun qed nagħmel l-almu tiegħi sabiex insaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Belġju u biex niffaċilita u nippromwovi l-kummerc bejn iż-żewġ pajjiżi. Insaħħu r-rabtiet eżistenti u nesploraw koperazzjoni f’oqsma oħra.
Filwaqt li nselli għalikom bit-tama li niltaqgħu fil-futur qarib, nirringrazzjakom tal-attenzjoni tagħkom.
Clint Tanti