Skont tweġiba għal mistoqsija parlamentari, in-numru ta’ studenti Maltin fl-Iskejjel Ewropej għas-sena skolastika li għaddiet kien ta’ 163 (żieda fuq snin imgħoddija). Dawn kienu mqassmin f’21 student fic-ciklu ta’ nursery/kindergarten fl-iskejjel ta’ Brussell u l-Lussemburgu, 79 fic-ciklu tal-Primarja fl-iskejjel ta’ Brussell, il-Lussemburgu, Frankfurt u Munich u 63 fic-ciklu tas-Sekondarja fl-iskejjel ta’ Brussell, Lussemburgu u Varese.
Diaspora Maltija
All posts tagged Diaspora Maltija
Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, l-Onor. Byron Camilleri, Ministru tal-Intern, ta cifri dwar in-numru ta’ passaporti Maltin ikkunsinjati f’ambaxxati u konsolati barra minn Malta bejn l-2016 u l-2020. In-numru ta’ passaporti ikkunsinjati mill-Ambaxxata Maltija fi Brussell żamm mat-tendenza tas-snin ta’ qabel: 101 fl-2016, 106 fl-2017, 119 fl-2018, 129 fl-2019 u 109 fl-2020.
Dan ukoll iqiegħed lill-Belġju immedjatament wara l-pajjiżi Anglofoni (ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada) fin-numru ta’ passaporti ikkonsenjati.
Il-Ministeru Malti tal-Affarijiet Barranin u Ewropej qed jistieden liż-żgħażagħ Maltin ta’ barra biex jibgħatu l-veduti tagħhom permezz ta’ kwestjonarju in preparazzjoni tal-ewwel Forum Virtwali għaż-Żgħażagħ. Il-kwestjonarju jibqa’ miftuħ sal-Ġimgħa, 18 ta’ Ġunju f’nofsinhar.
Il-Ministru Malti tal-Affarijiet Barranin qal li dis-sena ma sarux talbiet għal fondi addizzjonali għall-programm Consul-on-the-move minħabba li ma kienx hemm talba għal żieda fin-numru ta’ pajjiżi fejn jiġi offrut dan is-servizz. Barraminnhekk, iż-żjarat ippjanati taħt dan il-programme tħassru minħabba l-covid-19.
Il-programm kien varat fl-2016 iżda, sa llum, is-servizz qatt ma kien offrut fil-Belġju.
Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li hu infurmat li l-assoċjazzjonijiet Maltin attivi barra minn Malta m’għandhomx diffikultajiet biex jgħaddu informazzjoni mill-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta lill-membri rispettivi tagħhom.
Il-Ministru qal ukoll li, f’dan l-istadju, ma jħossx li għandu jikkonsidra għajnuna finanzjarja u loġistika lil dawn assoċjazzjonijiet biex jinfurmaw aħjar lill-membri. Dan għax fil-ħidma ippjanata tal-Kunsill hemm diġa’ maħsubin miżuri biex jindirizzaw xi lakuni li jista’ jkun hemm bl-użu aktar effiċjenti tal-informatika. Filfatt, il-Gvern qed jaħseb biex isaħħaħ l-infrastruttura diġitali tiegħu biex, fuq medda ta’ żmien, il-Maltin li jgħixu barra minn Malta jkollhom sit elettroniku ddedikat għalihom.
Fi tweġiba separata, l-Ministru qal li s-Segretarju tal-Kunsill reġa’ nħatar għal tlett snin.
Hemm biss 23 Malti residenti l-Belġju li irreġistraw mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti minn total ta’ 5,592. Din hija reġistrazzjoni volontarja u ssir permezz tan-Notifika D.
Aġġornament (08.06.2020): Il-Ministru ħabbar li qed jiġu ikkunsidrati modi kif din in-Notifika tista’ tkun iżjed magħrufa permezz ta’ iżjed pubbliċità u metodi aktar moderni kif wieħed ikun jista’ jaċċessaha biex jimliha u jibgħatha minnufih.
Aġġornament (15.10.2020): Il-Ministru ħabbar li n-numru ta’ Maltin irreġistrati permezz tan-Notifika D sa Settembru kien ta’ 522.
L-Att dwar il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta (Kap. 515) joħloq żewġ reġistri: wieħed għal organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ Maltin barra minn Malta u ieħor ta’ Maltin ta’ barra prominenti.
Għal żewġ mistoqsijiet tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin wieġeb li, minn Novembru 2018, kien hemm ħames organizzazzjonijiet u sitt persuni illi ġew irreġistrati.
Aġġornament (28.04.2020): Fuq mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru ikkonferma li hemm sitt ismijiet fuq ir-reġistru ta’ persuni prominenti. Hemm numru ta’ applikazzjonijiet pendenti sakemm il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta jirrevedi il-kriterji.
Il-Ministeru qal li fix-xhur li ġejjin il-Kunsill se jkun f’pożizzjoni li joħroġ b’linji gwida bil-għan li t-terminu “persuna prominenti” tkun definita kif meħtieġ.
Fl-1 ta’ Mejju daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Konsolari. Permezz tagħha, cittadin Malti jista’ jitlob protezzjoni konsolari f’konsolat ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE meta jkun barra l-UE. Issa jmiss li din tiġi ikkumplimentata b’aġġornament tad-Direttiva dwar dokument proviżorju tal-ivvjaġġar (bħal passaport t’emerġenza).
Il-Gvern Malti għadu kemm ħa pożizzjoni favorevoli għall-proposta tal-Kummissjoni f’dan is-sens u li ttejjeb is-sigurtà tad-dokument. Huwa intiż li d-dokument ikun disponibbli wkoll fil-missjonijiet Maltin barra minn Malta.