Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li hu infurmat li l-assoċjazzjonijiet Maltin attivi barra minn Malta m’għandhomx diffikultajiet biex jgħaddu informazzjoni mill-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta lill-membri rispettivi tagħhom.
Il-Ministru qal ukoll li, f’dan l-istadju, ma jħossx li għandu jikkonsidra għajnuna finanzjarja u loġistika lil dawn assoċjazzjonijiet biex jinfurmaw aħjar lill-membri. Dan għax fil-ħidma ippjanata tal-Kunsill hemm diġa’ maħsubin miżuri biex jindirizzaw xi lakuni li jista’ jkun hemm bl-użu aktar effiċjenti tal-informatika. Filfatt, il-Gvern qed jaħseb biex isaħħaħ l-infrastruttura diġitali tiegħu biex, fuq medda ta’ żmien, il-Maltin li jgħixu barra minn Malta jkollhom sit elettroniku ddedikat għalihom.
Fi tweġiba separata, l-Ministru qal li s-Segretarju tal-Kunsill reġa’ nħatar għal tlett snin.